Il-Portal tad-Data Ewropew jaħżen il-metadata tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku li hija disponibbli fuq il-portals tad-data pubbliċi madwar il-pajjiżi Ewropej. L-informazzjoni dwar il-provvediment tad-data u l-benefiċċji tal-użu mill-ġdid tad-data hija inkluża wkoll.
Id-Data (tal-Gvern) Miftuħa tirreferi għall-informazzjoni miġbura, prodotta jew imħallsa mill-korpi pubbliċi (magħrufa wkoll bħala l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku) u hija liberament disponibbli għall-użu mill-ġdid għal kwalunkwe skop. Il-liċenzja se tispeċifika t-termini tal-użu. Dawn il-prinċipji għad-Data Miftuħa huma deskritti fid-dettall fid-Definizzjoni Miftuħa.
L-informazzjoni tas-settur pubbliku hija informazzjoni miżmuma mis-settur pubbliku. Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku tipprovdi qafas legali komuni għal suq Ewropew għad-data miżmuma mill-gvern. Din hija mibnija madwar il-pilastri ewlenin tas-suq intern: il-fluss liberu tad-data, it-trasparenza u l-kompetizzjoni ġusta. Huwa importanti li wieħed jinnota li mhux l-informazzjoni kollha tas-settur pubbliku hija Data Miftuħa.
Kun af aktar dwar id-Direttiva PSI u dwar attivitajiet mhux leġiżlattivi oħrajn tad-DĠ CONNECT f'dan il-qasam.
Il-Benefiċċji tal-Użu tad-Data
Il-benefiċċji tad-Data Miftuħa huma differenti u jvarjaw minn effiċjenza mtejba tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, it-tkabbir ekonomiku fis-settur privat għall-protezzjoni soċjali usa'.
Il-prestazzjoni tista' tissaħħaħ mid-Data Miftuħa u tikkontribwixxi għat-titjib fl-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi. Effiċjenza akbar fil-proċessi u fl-għoti tas-servizzi pubbliċi tista' tinkiseb bis-saħħa tal-kondiviżjoni tad-data trans-settorjali, li tista' pereżempju tipprovdi ħarsa ġenerali tal-infiq bla bżonn.
L-ekonomija tista' tibbenefika minn aċċess aktar faċli għall-informazzjoni, il-kontenut u l-għarfien, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' servizzi innovattivi u l-ħolqien ta' mudelli tan-negozju ġodda.
Il-protezzjoni soċjali tista' titjieb għaliex is-soċjetà tibbenefika minn informazzjoni li hija aktar trasparenti u aċċessibbli. Id-Data Miftuħa ssaħħaħ il-kollaborazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-innovazzjoni soċjali.
L-ekonomija tista' tibbenefika minn aċċess aktar faċli għall-informazzjoni, il-kontenut u l-għarfien, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' servizzi innovattivi u l-ħolqien ta' mudelli tan-negozju ġodda.
Għall-2016, id-daqs tas-suq dirett tad-Data Miftuħa huwa mistenni li jkun EUR 55.3 biljun għat-28+ tal-UE.. Bejn l-2016 u l-2020, id-daqs tas-suq se jikber b'36.9 %, għal valur ta' EUR 75.7 biljun, inklużi l-korrezzjonijiet ta' inflazzjoni. Għall-perjodu 2016-2020, id-daqs tas-suq dirett kumulattiv huwa stmat għal EUR 325 biljun.
Impjiegi ġodda jinħolqu permezz tal-istimolu tal-ekonomija kif ukoll domanda akbar għall-persunal b'ħiliet biex jaħdem bid-data. Fl-2016, se jkun hemm 75,000 impjieg relatati mad-Data Miftuħa fi ħdan is-settur privat tat-28+ tal-UE. Sal-2020, dan in-numru se jiżdied għal ftit inqas minn 100,000 impjieg tad-Data Miftuħa. Sal-2020 se jinħolqu kważi 25,000 impjieg dirett ġdid relatati mad-Data Miftuħa.
Il-prestazzjoni tas-settur pubbliku tista' tissaħħaħ mid-Data Miftuħa. Effiċjenza akbar fil-proċessi u fl-għoti tas-servizzi pubbliċi tista' tinkiseb bis-saħħa tal-kondiviżjoni tad-data trans-settorjali, li tipprovdi aċċess aktar mgħaġġel għall-informazzjoni. Fl-2020 l-iffrankar tal-ispejjeż akkumulati għall-UE28+ huwa mbassar li jkun EUR 1.7 biljun.
Id-Data Miftuħa tirriżulta fi gwadanji fl-effiċjenza peress li d-data fil-ħin reali hija użata b'tali mod li tippermetti aċċess faċli għall-informazzjoni u li dan itejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet individwali. Tliet studji tal-każijiet huma vvalutati aktar fid-dettall: kif id-Data Miftuħa tista' ssalva lin-nies, kif tista' tintuża biex tiffranka l-ħin u kif id-Data Miftuħa tgħin biex jinkisbu l-benefiċċji ambjentali. Pereżempju, id-Data Miftuħa għandha l-potenzjal li ssalva 7000 persuna fis-sena, billi tiġi pprovduta risuxxitazzjoni aktar bikrija. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tad-Data Miftuħa fit-traffiku tista' tiffranka 629 miljun siegħa ta' ħin ta' stennija bla bżonn fit-toroq tal-UE.
Sommarju tas-sejbiet tal-istudju ekonomiku dwar il-benefiċċji tad-Data Miftuħa huwa disponibbli hawnhekk:
Lista ta' Kontroll għall-Użu tad-Data
Passi importanti li tieħu qabel ma tuża d-data.
Li jkollok aċċess għad-data huwa l-ewwel pass. Id-data mhijiex għan fiha nnifisha. Id-data tista' tintuża b'modi differenti u għal għanijiet differenti. Id-data tista' tkun disponibbli wkoll b'liċenzji, formati u kwalità differenti.
L-għan tiegħek
Iddefinixxi l-għan tiegħek: Hemm għanijiet differenti li għalihom l-użu tad-Data Miftuħa jista' jżid valur mal-attivitajiet tiegħek. Id-Data Miftuħa tista' tipprovdi għarfien f'suġġett speċifiku li inti tixtieq aktar informazzjoni dwaru jew tixtieq tikteb dwaru (jiġfieri, ġurnaliżmu tad-data). Id-Data Miftuħa tista' żżid ukoll informazzjoni meħtieġa għal applikazzjoni jew servizz, bħal dettalji dwar skejjel jekk inti qed tiżviluppa applikazzjoni biex tgħin ġenituri jsibu l-aħjar skola għal uliedhom. In-negozji jistgħu jużaw ukoll id-Data Miftuħa biex itejbu l-profili tal-klijent u huma kapaċi jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti tagħhom. Id-Data Miftuħa, kemm jekk tkun għal użu privat jew kummerċjali, toffri ħafna possibbiltajiet.
L-identifikazzjoni tat-tikketti tad-Data: Jekk taf għal liema għan teħtieġ id-data, huwa importanti li tara jekk id-data tissodisfax il-ħtiġijiet tiegħek billi tħares lejn il-metadata (data dwar id-data). Pereżempju, jekk tixtieq tiżviluppa applikazzjoni li tagħti parir dwar l-aħjar edukazzjoni primarja fil-viċinat, inti għandek tikkontrolla jekk is-sett tad-data li tixtieq tuża jinkludix l-iskejjel li jagħtu l-edukazzjoni primarja, ikoprix il-qasam speċifiku li tixtieq tinkludi u jekk l-indikaturi tal-prestazzjoni humiex disponibbli.
Liċenzja miftuħa
Iċċekkja l-Ftuħ: Agħti ħarsa lejn l-informazzjoni tal-liċenzja pprovduta dwar is-sett tad-data. Kun żgur/a li hemm liċenzja disponibbli li tippermettilek tagħmel użu mid-data bil-mod kif għandek ħsieb li tagħmel użu minnha (pereżempju, li l-użu mill-ġdid kummerċjali huwa permess jekk inti tiżviluppa applikazzjoni kummerċjali).
Iċċekkja r-rekwiżiti ta' attribuzzjoni: Huwa possibbli li l-liċenzja tiddikjara li l-persuni li jużaw id-data għandhom jikkreditaw lil kull min qed jippubblikaha, li jfisser li inti għandek tikkredita lis-sid meta tagħmel il-prodott jew is-servizz tiegħek disponibbli. Dan jissejjaħ attribuzzjoni.
Iċċekkja r-rekwiżiti Share-Alike: Jekk dan jindika li l-persuni li jħalltu d-data ma' data oħra għandhom ukoll joħorġu r-riżultati bħala Data Miftuħa, inti obbligat/a tippubblika d-data proprja tiegħek taħt liċenzja simili wara li żżid data oħra mas-sors oriġinali. Dan jissejjaħ share-alike. Kun żgur/a li l-liċenzja hija konformi mal-għan tiegħek għall-użu tad-data.
Fin-nuqqas ta' liċenzja, ma hemm l-ebda informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli! Inti tkun tista' tikkuntattja lil sid id-data biex tikkontrolla x'użi huma permessi.
Format tal-fajl
Wara li tkun iddeċidejt li sett tad-data speċifiku huwa eżattament dak li qed tfittex, inti x'aktarx tista' tagħżel li tniżżel is-settijiet tad-data f'diversi formati tal-fajl. Skont il-ħiliet tal-kompjuter tiegħek, inti tista' tagħżel it-tip tal-fajl li huwa l-aktar xieraq. L-aktar format komuni tal-fajl għad-data tabulari huwa ".csv". Dan jippermettilek iżżid informazzjoni oħra mal-fajl jew tagħmel kalkoli bid-data. Settijiet tad-data li jistgħu jiġu aġġustati huma ppubblikati bl-użu ta' format tal-fajl miftuħ. Il-maġġoranza tas-settijiet tad-data huma disponibbli f'format tal-fajl miftuħ, iżda żomm f'moħħok li xi formati (pereżempju, ".pdf") ma jistgħux jinbidlu.
Il-kwalità tad-data
Fil-paġna li fiha tixtieq tniżżel is-sett tad-data, inti għandek issib informazzjoni dwar l-aħħar data li fiha l-fajl ġie mmodifikat. Jekk għandek bżonn id-data għal perjodu ta' żmien speċifiku, inti teħtieġ tikkontrolla jekk l-informazzjoni dwar il-perjodu ta' żmien hijiex ipprovduta jew jekk ġietx aġġornata riċentement. Inti għandek tiċċekkja jekk l-informazzjoni li kont qed tistenna li ssib fil-fajl hijiex tassew inkluża u jekk inti tifhimx it-tikketti differenti.
Hawnhekk għandek issib lista ta' kontroll qasira u żviluppata mill- Istitut tad-Data Miftuħa (Open Data Institute):
Forma
- kif ġiet ipproċessata d-data?
- fil-forma mhux maħduma jew fil-forma pproċessata?
- il-forma tagħha kif se taffettwa l-analiżi/il-prodott/l-applikazzjoni tiegħek?
- x'trasformazzjonijiet sintattiċi (lingwa) u semantiċi (tifsira) se jkollok bżonn tagħmel?
- din hija kumpatibbli ma' settijiet oħra tad-data li għandek?
Kwalità
- kemm hija attwali d-data?
- tiġi aġġornata b'mod regolari?
- inti tifhem l-oqsma kollha u l-kuntest tagħhom?
- għal kemm tul ta' żmien se tiġi ppubblikata? x'inhu l-impenn mill-pubblikatur?
- x'taf dwar il-preċiżjoni tad-data?
- kif tiġi ttrattata d-data nieqsa?
Ħares fil-Portal tad-Data Ewropew u skopri kif dan jissodisfa l-ħtiġijiet tad-data tiegħek.